L-investigatur ewlieni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Keith Arnaud, żvela li qabel l-arrest ta’ Fenech f’Novembru 2019, membru tas-Servizz tas-Sigurtà kien infurmah li l-akkużat kien qed jaġixxi b’mod suspettuż u li kien hemm il-biża’ li seta’ jaħrab minn Malta.
Arnaud, qal dan waqt il-każ kostituzzjonali miftuħ minn Yorgen Fenech, l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, dwar iċ-ċaħda għat-talba tiegħu biex jinħeles mill-arrest.
Id-difiża insistiet biex issir taf l-identità ta’ dan l-individwu, billi sostniet li din kienet il-persuna li wasslet għall-arrest ta’ Fenech. L-Avukat tal-Istat oġġezzjona għat-talba.
Il-Qorti tat ġimagħtejn lill-avukati ta’ Fenech biex joħorġu b’nota bil-miktub biex jappoġġjaw it-talba tagħhom, filwaqt li l-Avukat tal-Istat u l-avukati ta’ Caruana Galizia ngħataw erba’ ġimgħat, biex jissottomettu t-tweġiba tagħhom.