Fl-Afganistan, tarbija li f’Awwissu li għadda ntilfet qalb il-kaos li kien hemm fl-Ajruport ta’ Hamid Karzai reġgħet ingħaqdet mal-familja tagħha.
Id-dinja kollha rat xeni tal-biża’, hekk kif sforz id-disprament ta’ ħafna bdew jippruvaw jaħarbu mill-madmad tat-Taliban.
Fost dawn kien hemm il-ġenituri ta’ Sohail Ahmadi, tarbija li f’Awwissu kellu xahrejn.
Huwa mifhum li xufier tat-taxi ta’ 29 sena sab lit-tifel fl-ajruport u ħadu miegħu.
Wara diversi ġimgħat, bl-għajnuna tal-Pulizija għaddew it-tifel lura lill-parti tal-familja, in-nannu u qraba oħra.
Dan hekk kif il-ġenituri u l-aħwa ġew evakwati xhur ilu fl-Istati Uniti u issa għaddejja ħidma biex it-tifel jingħaqad mal-ġenituri tiegħu.