Fl-okkażjoni ta’ jum il-missier, huwa normali li l-ulied jagħtu rigal lil missierhom.
Iżda mill-missirijiet kollha li hawn f’pajjiżna, l-iktar missierijiet kuntenti bir-rigali tagħhom żgur li kienu dawk li fl-Isptar Mater Dei, kellhom xi wild f’dan il-jum tant speċjali.
ONE News żar is-sala tal-maternità, fejn spikka l-kwiet u l-paċi, b’ommijiet, u missirijiet iħaddnu t-tarbija l-ġdida tagħhom, u b’oħrajn anzjuzi biex ikollhom tagħhom.
Tkellimna ma’ Simon Poljsak, li flimkien mas-sieħba tiegħu Bernice Farrugia, kellhom l-ewwel wild tagħhom.
Viżiblment emozzjonat u għajjien, qalilna li l-ewwel jum il-missier tiegħu ma setax kien wieħed isbaħ milli kien llum.
Madanakollu, dlonk għamililna ċara li ċ-ċentru tal-attenzjoni m’għandux ikun hu, iżda bintu Zara, li twieldet f’Jum il-Missier għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħodu.
Hu flimkien mal-omm, qalulna li kienu ilhom għal xi żmien jafu li se jkollhom tifla, u li kienu kuntenti ferm b’dan il-fatt.