“Demel tal-ħnieżer”, “Xjaten”, “Ibża’ għax ħa tasal tiegħek!”.
Dawn kienu l-kliem ta’ bosta esponenti tal-Partit Nazzjonalista u l-għaqda Repubblika fil-konfront tal-osservatur politiku u Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef.
Dan wara li xxandar dibattitu li l-istess Micallef pparteċipa fih fil-programm ta’ Andrew Azzopardi s-Sibt filgħodu fuq ir-Radju tal-Knisja u li, fost oħrajn, ittratta suġġetti politiċi, inkluż ir-rabta evidenti bejn Repubblika u l-Partit Nazzjonalista.
Iżda filwaqt li ħafna semgħu d-dibattitu u xtarrew l-argumenti kollha, kliem Micallef qanqal is-soltu reazzjoni ta’ mibegħda u tgħajjir mill-esponenti tal-għaqda Repubblika u tal-establishment Nazzjonalista fuq il-mezzi soċjali.
Fosthom kien hemm Rosanna Carbonaro li, f’theddida ċara, qalet lil Micallef li għandu jibża’, għax fi kliemha “tasal tiegħu dan ukoll”.
Oħrajn użaw is-soltu aġġettivi dispreġjattivi u ta’ tgħajjir fil-konfront ta’ Micallef u l-Laburisti kollha, fosthom “xjaten”, “landa ħmieġ”, “landa taż-żibel minfuħa fix-xemx”, “demel tal-ħnieżer” u ħafna aktar.
Magħhom ingħaqad ukoll Andrew Borg Cardona, magħruf aħjar bħala ‘l-Boċċa’, li ddeskriva lil Micallef bħala “scum” jew aħjar, “ħmieġ”.
Sadanittant, it-Tnejn waranofsinhar, Jason Micallef, flimkien mal-Avukat u kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Daniel Attard u Dr Ishmael Psaila, mar il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fejn talab lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jieħu passi kriminali kontra l-istess persuni li fuq il-midja soċjali wasslu l-imsemmija messaġġi ta’ mibegħda, tgħajjir u theddid. Persuni li huma membri u partitarji tal-għaqda Repubblika, immexxija minn Robert Aquilina.
Micallef tenna li mhux aktar aċċettabbli li sar hawn min jaħseb li jista’ jhedded jew jgħajjar b’kull mezz, u jippretendi li ma jittiħdux passi kontrihom bis-saħħa u bil-provedimenti li tipprovdi l-liġi.