L-għaqda Releaf, li hija favur l-użu responsabbli tal-kannabis, qalet li kien sena ilu meta ltaqgħet mal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech dwar is-suġġett.
Fuq il-programm Taf X’Qed Jgħidu mxandar fuq ONE, il-President tar-Releaf, Andrew Bonello saħaq li fost id-Deputati Nazzjonalisti kien hemm min kien favur u oħrajn kontra l-liġi proposta għall-użu responsabbli tal-kannabis: “Għax kien forsi dan kien sena ilu u allura kien għad ma kellux idea f’moħħu u meta ltqajt mal-kumitat tagħhom ukoll rajthom ftit min kien favur u min ma kienx. Dawk li kienu forsi iżgħar kienu kompletament favur din il-bidla u dawk iktar xjuħ ma tantx kienu konvinti. U allura kien hemm ftit, speċi dik il-firda bejniethom.”
Id-dikjarazzjoni tar-Releaf, li tkompli mar-rapporti fil-gazzetti li taw dettalji tal-qasma fil-Partit Nazzjonalista fuq il-liġi għall-użu responsabbli tal-kannabis ġiet wara li l-Ġimgħa filgħaxija, il-Grupp Parlamentari ħareġ b’pożizzjoni li jqatta’ biċċiet il-liġi.
Dan anki jekk Bernard Grech kien ħareġ jimbotta pożizzjoni biex jipprova jiġbed il-Grupp Parlamentari.
Xi ħaġa li għarratlu bil-kbir, biex anki meta bosta Deputati Nazzjonalisti, fosthom dawk ġejjin mill-fazzjoni li poġġietu Kap, imponew pożizzjoni fuqu, huwa pront semmielhom biex imbagħad ma joqogħdux isemmulu r-riżultat ta’ xi survey.
Għal dan il-kumment ta’ Bernard Grech qam furur kbir fil-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Ġimgħa, b’Mario Galea jwieġbu u jgħidlu, “Kif ma tistħix tiġi hawn takkużana bir-riżultati ħżiena tas-surveys. Għalfejn ma tirrikonoxxix li xebbajtna tiġi hawn kollox lest mingħajr ma qabel tiddiskuti magħna.”
Intant fuq dan l-istazzjon, Bonello tar-Releaf innota wkoll il-bidla fil-pożizzjoni ta’ Bernard Grech: “Ħa ngħidu hekk, naħseb kulħadd induna li qalu ħaġa mbagħad bidlu l-fehma tagħhom. Hija ta’ diżappunt ovvjament għax aħna ridna li narawhom forsi jivvutaw favur din il-liġi għax hija liġi importanti għaċ-ċittadini Maltin. Hija liġi favur il-ġustizzja soċjali u allura iva hija ta’ diżappunt.”
Fuq il-programm żied jgħid kif din il-liġi se tgħin biex nies mhux vjolenti ma jispiċċawx il-ħabs u tingħata daqqa lis-suq illegali u lit-traffikanti vera tad-droga.
Hawnhekk ta esperjenza ta’ nies li batew minħabba liġijiet antiki: “Kien hemm persuna li kellu żewġ pjanti d-dar u nqabad u spiċċa għamel disa’ xhur ħabs u l-mara telqitu bit-tifla, jiġifieri spiċċaw il-familja u tilef id-dar. Meta ħareġ mill-ħabs dan kellu ħajtu spiċċuta tista’ tgħid.”
Fuq kollox, lejn tmiem l-intervent tiegħu, Andrew Bonello nnota l-konfużjoni fil-Partit Nazzjonalista dwar il-materja: “Imbagħad issa smajna li mhumiex favur u fil-fatt kont staqsejt, daqxejn confusing din, ma nafx x’qed jiġri hawn.”