Martina Fenech tilfet lil ommha bil-kanċer meta kellha 15-il sena. Xahrejn wara l-mewt ta’ ommha, instab li kellha kanċer hija stess. Erba’ snin wara tilfet lill-għarus tagħha bil-kanċer.
Wara dak kollu li għaddiet minnu, Martina kellha kliem kommoventi u sinċier x’toffri lil tfal, adoloxxenti u żgħażagħ li bħalissa għaddejjin mill-battalja kontra l-kanċer. Dan il-kliem kitbitu fid-dawl li Settembru huwa ddedikat għall-kanċer fost iż-żgħar.
Dan huwa kliem Martina tradott bil-Malti:
“Għaxar snin ilu ħadt l-aħħar kemo. Stajt nara raġġ ta’ dawl. Imma rrid nammetti li kieku xi ħadd kellu jistaqsini dakinhar, fejn kont nara lili nnifsi fi żmien għaxar snin, kont inħallihom bla tweġiba. Anke jekk issaqsini din il-mistoqsija llum, peress li ma nħobbx naħseb ħafna fil-futur.
Għaxar snin ilu lanqas kont noħlom li nkun fejn qiegħed illum. Lanqas kont nimmaġina dak kollu li kelli ngħaddi minnu matul is-snin. Lanqas kont nemmen li se nasal s’issa. Lanqas kont naħseb li niggradwa u nġib Masters. Kulma kont nittama għalih kien li nibqa ħajja.
Dakinhar kelli ħafna ma xiex kont qed nissielet.
Xi wħud jistgħu jiġġudikaw dan li qed nikteb. Oħrajn se jixtiequli l-ġid. Imma li nixtieq hu li tintemm l-istigma għat-tfal u l-adoloxxenti bil-kanċer.
Kif forsi ħafna jafu, Settembru huwa x-xahar iddedikat lill-kanċer fit-tfulija. Ejjew nappoġġaw lil dawn il-pazjenti u l-maħbubin tagħhom. Mhuwiex vjaġġ faċli.
Xi wħud jistgħu jaħsbu li ladarba jintemm it-trattament, il-ħajja tal-pazjenti terġa’ lura għan-normal. Iva, il-pazjenti jagħmlu l-almu tagħhom biex jerġgħu lura għar-rutina ta’ kuljum, madankollu hemm effetti sekondarji li jistgħu jiżviluppaw snin wara, jew inkella jistgħu jbatu minn iżolament soċjali minħabba li jqattgħu ħafna ħin l-isptar li jwassal biex jitilfu xi ħbieb. Jistgħu wkoll iħossuhom aktar maturi mill-grupp ta’ età tagħhom.
Lit-tfal, adolexxenti u żgħażagħ kollha li bħalissa qed jiffaċċjaw il-battalja, taqtgħux qalbkom. Hemm ħajja wara l-kanċer.
Jekk ħabbejt lilek innifsek qabel ma kellek il-kanċer, tibżax tħobb lilek innifsek wara. Forsi tħoss li l-futur tiegħek spiċċa u li mhux se tilħaq il-ħolm tat-tfulija tiegħek, naf għax kont hemm. Tħallix il-kanċer jiddefinixxi lilek innifsek jew il-futur tiegħek. Jista’ jkun li jkollok taħdem aktar biex tilħaq il-ħolm tiegħek, iżda dan ma jfissirx li huwa impossibbli.”