Bħal ma d-dinja tagħtik, int trid tagħti lura. Dan kien il-messaġġ t’Angelique Lofaro li rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Voluntiera ta’ din is-sena, għall-kontribut li tat għall-protezzjoni tal-ambjent naturali.
Hija attiva fit-taqsima tas-salvataġġ tal-annimali selvaġġi fi ħdan Nature Trust, fejn ilha tagħti ħinha għal dawn l-aħħar ħames snin, u spjegat kif dan il-premju ta’ rikonoxximent kien t’unur kbir.
Qalet, “Kienet xi ħaġa li kompletament ma kontx qed nistenniha. Tkun taf li nominata imma tant ikun hemm voluntiera oħra nominati li assolutament ma tkunx qed tistenna li teħodha int allura kien unur kbir ħafna għalija.”
Angelique spjegat li tul is-snin esperjenzat is-sbuħija tan-natura mill-viċin fosthom it-twelid ta’ fkieren tal-baħar.
Qalet li mumenti bħal dawn huma diffiċli biex tesprimihom, iżda rat ukoll xeni li jaqsmulha qalbha u għalhekk taħdem biex ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jaraw u jgawdu dawn il-mumenti.
Spjegat, “Tara kemm l-annimali selvaġġi tagħna jbatu minħabba l-aġir tagħna l-umani, l-inqas ħaġa li tista’ tagħmel li tipprova għall-inqas tgħinnhom jirkupraw u terġa’ titfahom lura fis-salvaġġ.”
Lil dawk li jixtiequ jibdew jagħtu ħinhom għal għaqda volontarja, Lofaro kellha messaġġ wieħed.
Qalet, “Jien lil kull min jitħajjar jagħmel volontarjat ngħidlu go for it. Ara x’settur jogħġbok, jekk hux il-Knisja, l-armar, il-fjuri, li tagħmel karità man-nies, li tgħin l-annimali, ara x’settur jogħġbok.”