L-agħar weġgħa li għandha Carmen hu li t-tfal kienu jaqilgħu s-swat daqsha anke minn età żgħira fejn saħansitra darba minnhom tefa’ lit-tifel iż-żgħir ġol-‘high chair’ bil-goff tant li żżerżaq u mela wiċċu kollu tbenġil.
“Kien jagħti wkoll lit-tfal bl-addoċċ, mal-iċken ħoss jiġifieri kien isawwathom…eżempju kont immur l-isptar, ġo sptar privat biex taparsi ngħid ‘isma’ dawn waqgħu’…darba minnhom mort f’nofs illejl ħadulu x-ray għax kien lewielu jdejh u għamel ġimgħa b’idu nfaxxata”
Carmen tisħaq li ma kienx juri ħniena anqas mat-tifel stess waqt li kien l-isptar minħabba fih stess.
“Meta tlaqt jien, lit-tifel qallu ‘issa inti inżel minn fuq is-sodda, int oqgħod fuq il-pultruna u jien norqod fuq is-sodda”
Carmen kompliet tgħidilna li ma kinux jgħidu li kienu qed jiġu msawta qas lill-ġenituri tagħha tant li anke ommha kienet taraha mbenġla u kienet iġġibilha skuża li waqgħet jew li żelqet fil-kamra tal-banju.
Darba minnhom tant kemm sawtu lit-tifel il-kbir b’wire, li ma setax jorqod bil-biki u bl-uġiegħ.
Meta kienet issaqsieh għaliex jagħmel hekk, kien iwaħħal fiha. Imbagħad kien ikollha tilbes maskra biex tkompli l-ħajja ta’ kuljum fis-soċjetà.
Spissi kienu l-kliem ta’ theddid lejha.
“Lili kien jgħidli…inti minn hawn għad toħroġ bil-karozza s-sewda”
Meta għamlet rapport l-għassa tal-pulizija ssuġġerewlha wkoll li sakkar il-bibien minħabba li żewġha ma kellux ħin x’ħin isawwathom saħansitra anke tul il-lejl. Carmen ġieli sakkret il-bibien bil-ktajjen tal-klieb.
“Ħadli ċ-ċwievet allura ma stajtx insakkar il-kmamar tas-sodod…meta kont norqod fis-salott kont insakkar bil-katina tal-klieb, inżomm il-klieb maġenbi u kont nagħmel żewġ siġġijiet imma ma kinux daqshekk ‘safe’…pero mbagħad kif irnexxielna nsibu ċ-ċavetta, bdejt norqod mat-tfal, insakkru u jibda jagħti bħall-imġienen bil-ponnijiet u bis-sieq”
Kienet xtrat id-dar hi minn flusha iżda wara s-separazzjoni kellha tagħti nofs l-assi lil dak li kien żewġha. Tant li darba minnhom qallha li żżewwiġha għall-flus.
Fost oġġetti li ġieli tefgħalha, jum minnhom anke tefgħalha sikkina. Iżda t-tfal dejjem kienu hemm biex jaqbżu għaliha u llum il-ġurnata xorta waħda rnexxielhom jirnexxu f’ħajjithom.
“It-tfal salvawni bħalma jien ippruvajt insalva lilhom imma l-ġerħa hemm tibqa’.”
Għalkemm Carmen ħafritlu meta kellhom jaffaċċjaw il-qorti fejn anke seta’ weħel il-ħabs, magħna għaddiet appell f’jum il-Milied għal dawk kollha li jinsabu għaddejjin mill-istess esperjenza tagħha.
“Biex ma jagħmlux kif għamilt jien…illum hawn ħafna ħafna għajnuna tal-vjolenza domestika…ħadd m’għandu għalfejn jgħid…illum il-ġurnata ma niddejjaqx nitkellem jew nagħti pariri pero’ tibqgħux siekta, tkellmu għaliex fl-aħħar mill-aħħar hemm saħħitkom u saħħet it-tfal ukoll.