Enzo Gusman jibqa’ magħruf bħala kantant, xandar, u bankier.
Iżda, għal Carmen, jibqa’ f’qabha bħala l-għażiż żewġha – flimkien kellhom żewġt ulied bniet: Johanna u Greta.
Enzo ħalliena fl-età ta’ erbgħa u sebgħin sena, f’daru fil-Kanada, f’Diċembru tal-2021. Sabiex tibqa’ mfakkra l-memorja tiegħu, il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema se jikxef bust tiegħu fil-lokalità – kantuniera bogħod minn fejn kien jgħix meta kien joqgħod Malta.
Għal din l-okkażjoni, martu Carmen niżlet Malta mill-Kanada. F’intervista ma’ Renato Vella fuq ONE Radio, irrakkontat dwar il-ħajja ma’ Enzo, fosthom it-tieġ tagħhom. Qalet li d-dar li kienu jgħixu fiha f’Ħal Luqa fil-bidu taż-żwieġ tagħhom, minkejja li nbidlulha xi ftit mill-karatteristiċi tagħha, għadha hemm.
Bħal Enzo, Carmen għandha l-mużika għal qalbha. Fil-fatt, kienet tkanta u anke tirreċta flimkien ma’ Enzo – imħabba li qatt ma ntemmet.
Meta tlabnieha taqsam magħna memorja ma’ Enzo li tibqa’ mnaqqxa f’qalbha, Carmen irrakkontatilna meta, darba, Enzo semmgħalha kanzunetta li kien kiteb għaliha.
“L-aktar waħda antika, it-tifla kellha madwar erba’ xhur, u kont fil-kamra tagħha ngħaddilha l-ħwejjeġ u ġie fil-kamra u qalli isma ara tgħoġbokx ktibtlek din il-kanzunetta. Beda jkantaha u qbadt nibki u ħaseb li m’għoġbitnix. Imbagħad għidtlu mhux m’għoġbitnix imma emozzjonajt ruħi bil-kliem sbieħ li bdejt tgħidli.”
Carmen Gusman irrimarkat li mumenti sbieħ ma’ Enzo tul il-ħamsin sena taż-żwieġ tagħhom għandha ħafna, iżda dik il-memorja partikolari hi waħda li żgur qatt mhi se tinsa.
Dwar xi jfisser għaliha li se jkun qed isir bust għal żewġha, qalet li dan il-ġest ifisser ħafna kemm għaliha u kif ukoll għal uliedhom.
“Għalina huwa unur kbir. Ħadna ħafna u ħafna pjaċir b’din l-aħbar hekk kif żgur se jibqa’ memorja. Mhux għax kien se jintesa’ għax il-mużika tiegħu tibqa’ maħbuba u anke tindaqq sa issa ġifieri, imma l-bust xi ħaġa sabiħa li se tibqa’ stabbli hemm u kull min jgħaddi minn hemm se jarah u jiftakar fih u forsi jgħid talba għalih ukoll.”