Dwejjaq, niket u disprament: dawn kienu l-emozzjonijiet li bihom iddeskriva dak li ra b’għajnejh fit-Turkija l-kap tal-grupp tal-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili Malti waqt il-missjoni li wettqu qalb il-ħerba li ħallew warajhom it-terrimoti qawwijin li laqtu t-Turkija u s-Sirja fil-bidu tal-ġimgħa l-oħra.
Is-Sur Kevin Pace tkellem mal-ġurnalist ta’ One News Luigi Sghendo, dwar kif din kienet operazzjoni delikata u diffiċli, tant li membru tal-Protezzjoni Ċivili kiser siequ waqt il-ħidma. Anki l-kelb tas-salvataġġ kellu jingħata kura ħafifa mill-infermiera fuq il-post.
Is-Sur Pace qal ukoll li, waqt li kienu għaddejjin bix-xogħol, seħħew diversi terremoti oħrajn, għalkemm ferm iżgħar minn dawk tal-ġimgħa d-dieħla. Dan poġġihom f’periklu kbir iżda mhux biss: ġabhom aktar qrib mal-aspett uman tas-sitwazzjoni.
“Hemmhekk rajna xeni ta’ biki, ħa ngħid hekk, u inti tispiċċa jiġi at one point in time li anke meta tara lin-nies imweġġgħin, għaddejin minn dik it-tbatija kollha, li taqbiżlek demgħa u tibki wkoll għax aħna tad-demm u l-laħam at the end of the day”
“Tkun tixtieq tgħinhom iżjed u taf li limitat; sa hemmhekk tista’ tgħin.”
Kevin Pace jgħidli se jibqa’ jiftakar ċar l-istorja ta’ qsim il-qalb li qasam l-interpretu li kien assenjat mat-tim Malti waqt il-missjoni u, iktar minn hekk, l-altruwiżmu li kellu għal pajjiżu u għal niesu.
“U darba minnhom qegħdin nitkellmu u qed jgħidilna bħal speċi li tilef il-familja tiegħu kollha, u inti tħoss għalih hux.”
“Beda jibki hu, qed jirrakkontalna x’ġara. Qed narah qed jipprova jgħinna u jbikki lilek imbgħad, għax bħal speċi jiddispjaċik għalih, tħoss hux, tgħid, ‘Miskin, tilef kollox’, u qiegħed hawn qed jgħin lilna biex inkomplu ngħinu lilhom. Imma, jiġifieri qed jagħmel hekk għal pajjiżu hu ukoll.”
Il-Kap tat-tim tal-Protezzjoni Ċivili fit-Turkija qal li, wara din l-esperjenza iebsa, inkluż emottivament, se ssir laqgħa mal-Employee Support Programme sabiex titħares is-saħħa psikoloġika tal-membri li marru għal din il-ġimgħa ta’ ħidma ta’ tiftix u salvataġġ qalb it-tifrik li ħallew it-terremoti.
“Diġà għandna session ibbukkjata tal-ESP, jiġifieri, fejn aħna se jkollna mbgħad anke talk mal-esperti u jekk forsi joħroġ xi ħaġa, jiġifieri jew waqt il-laqgħa jew anke wara l-laqgħa, li forsi xi ħadd ikollu bżonn għajnuna fejn jidħol jiġifieri l-mental help, dan se jeħodha free of charge u dan jibqgħu jsegwuk u jimmoniterjawk.”
Kevin Pace irringrazzja lill-membri kollha li kienu parti minn din l-operazzjoni u stqarr li jħossu kburi li t-tim tal-protezzjoni Ċivili Malti ta l-għajnuna tiegħu lil pajjiż u poplu ieħor fil-mument tal-bżonn.