L-ewro parlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola ħaditha qatta’ bla ħabel kontra d-dimostranti fil-Bulgarija li ilhom tliet xhur jipprotestaw kontra l-Gvern tal-pajjiż fuq akkużi serji dwar korruzzjoni.
Il-Prim Ministru Bulgaru Boyko Borissov, li jifforma parti mill-grupp tal-Partit Popolari Ewropew, l-istess grupp li fih qiegħda Metsola, jinsab taħt investigazzjoni ta’ ħasil ta’ flus fi Spanja.
Madankollu Metsola opponiet il-kontenut ta’ riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt tal-Bulgarija.
Rapporti fil-midja Bulgara kritikaw l-aġir ta’ Metsola li hija membru fil-Kumitat tal-Parlament Ewropew għal-Libertajiet Ċivili u l-Ġustizzja.
Filwaqt li ġie rappurtat li d-dimostranti fosthom familji bit-tfal u anzjani qed jieħdu sehem fi protesti paċifiċi kontra l-Gvern korrott tal-Bulgarija, Metsola akkużat lil dawn l-istess dimostanti li huma ffinanzjati mill-mafja.
Dawn l-istess dimostranti kienu anki msawwta, umiljati u anki arrestati mill-pulizija.
Propju fil-jum tal-Erbgħa, l-ewro-parlamentari Nazzjonalista Maltija għamlet dik deskritta bħala emenda skandaluża f’riżoluzzjoni li għandha x’taqsam mal-Bulgarija u li fiha allegat li l-protesti fil-Bulgarija kienu mbuttati u ffinanzjati minn strutturi tal-mafja.
Jirriżulta li meta Metsola kienet imwissija li se taffaċċja proċeduri legali fuq din l-allegazzjoni li għamlet, hija waqqgħet l-emenda li kienet oriġinarjament għamlet.
Minkejja dan hemm sensiela t’emendi oħra li Metsola żammet bil-għan li tbenġel il-problemi vera li hemm fil-Bulgarija.
L-azzjonijiet ta’ Metsola kontra n-nies tal-Bulgarija ġew irrappurtati bi prominenza mill-midja Bulgara, b’bosta jikkritikawha u jappellawha biex tbiddel l-atteġjament tagħha kontra n-nies li qed jipprotestaw kontra l-Gvern tal-pajjiż, deskritt bħala wieħed korrott.
Minkejja dan, ONE News huwa infurmat li Metsola mblukkat ċittadini Bulgari fuq il-mezzi tal-midja soċjali tagħha.