Imdarras bl-idea li x-xogħolijiet fuq l-iskola medika Barts f’Għawdex bdew ilbieraħ, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li dan il-Gvern “taparsi mar jagħmel l-ewwel ġebla”.
Simon Busuttil tkellem hekk dwar faċilità deskritta bħala state of the art u skola medika li se tkun mill-aqwa meta mqabbla ma’ internazzjonali oħra.
Ix-xogħlijiet ‘taparsi’ li ddeskriva Busuttil bdew billi twaqqaw l-istrutturi antiki biex jinbeda l-proċess ta’ tħaffir fost xogħlijiet oħra li se jinbdew mill-ġimgħa d-dieħla u mistennija jkomplu matul it-tmien ġimgħat li ġejjin.
Dalgħodu Simon Busuttil ried jitfa’ dell negattiv fuq proġett li se jwassal biex issir faċilità edukattiva f’Għawdex, bħala parti mill-isptar. Ilbieraħ fir-Rabat Għawdex, il-Ministru Konrad Mizzi qal li dak li ngħata bidu huwa mument importanti ħafna għaliex se jbiddel il-kura tas-saħħa f’Għawdex. Gżira li dwarha Busuttil ma semma ebda proposta konkreta waqt intervista li għamel fuq ir-radju.
Waqt l-intervent ma kienx hemm possibiltà li l-pubbliku jew ġurnalisti jagħmlu kuntatt ma’ Busuttil u jistaqsu domandi li bħalissa għandu jwieġeb. Fosthom, jekk hux se jippublika l-invoices foloz lill-grupp DB.