Brian Tonna, Karl Cini, Manuel Castagna u Katrin Bondin Carter baqgħu jinżammu arrestati wara li kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-każ tal-allegat tixħim u frodi.
Il-Qorti semgħet ix-xhieda ta’ bosta Spetturi differenti li kienu involuti biex jagħmlu tfittxija dettaljata f’dan il-każ.
Il-Kunstistabbli tal-Pulizija, Ritianne Ciantar qalet kif BT International, waħda mill-kumpaniji involuti, kienet tirċievi flus minn tliet persuni differenti, f’kont tal-Bank of Valetta, ta’ iżjed minn sitta u tletin elf ewro.
Barra minn hekk, f’kont ieħor kien hemm bosta ċekkijiet depożitati minn kumpaniji u persuni ta’ interess.
Qalet ukoll kif kumpanija oħra tal-persuni akkużati, WillerBy Trade rċeviet kważi sitt mitt elf ewro fi ftit iktar minn perjodu ta’ sena.
F’din is-seduta ssemmiet ukoll Katrin Bondin Carter fejn l-Ispettur Camilleri, li investiga t-tranżazzjonijiet qal li Bondin Carter qalet li hi kienet sempliċiment tobdi l-ordnijiet li kienu jingħatawlha u qatt ma staqsiet għaliex id-dokumenti kienu qegħdin b’lura.
L-avukat ta’ Brian Tonna u Karl Cini stqarr li l-klijenti tiegħu ma ngħatawx biżżejjed ħin biex jagħtu iżjed informazzjoni u l-każ qed jdur madwar self ta’ mitt elf ewro li mhux qed ikun emmnut li huwa self iżda ma ġiex ippruvat li huwa xi ħaga oħra.
Minn naħa tiegħu, l-Avukat ta’ Manuel Castagna stqarr li Castagna m’għandux rabtiet ma’ Adrian Hillman.