Jason Micallef żvela l-mod kif għadu jaħdem l-establishment Nazzjonalista billi juża midja forċina tiegħu ħalli jattakka lill-Partit Laburista u lil kull min jaħdem fi ħdanu.
Dan billi żvela chats li juru eżatt kif ġurnalista impjegata mal-midja tal-Knisja ngħatat mistoqsijiet b’mod dirett mingħand Jason Azzopardi u membri tal-għaqda Repubblika biex ikunu jistgħu jsiru lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat b’rabta mal-inkjesta tal-konċessjoni tal-isptarijiet.
Dan inqas minn erba’ u għoxrin siegħa wkoll mindu l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ftaħar ukoll li hu għandu fiduċja fl-hekk imsejħa midja indipendenti.
Jason Micallef għamel dan waqt programm fuq ir-Radju tal-Knisja s-Sibt filgħodu ppreżentat minn Andrew Azzopardi.
Fil-programm, Micallef wera messaġġi tal-mowbajl li juru kif il-ġurnalista tan-Newsbook, Monique Agius, li hi wkoll eks kandidata Nazzjonalista fi żmien Simon Busutill, irċeviet il-mistoqsijiet li kellha tagħmel lil Joseph Muscat mingħand l-Avukat ta’ Repubblika Jason Azzopardi, il-President Onorarju Robert Aquilina u l-membru Alessandra Dee Crespo.
Micallef qal li “l-ġurnalista tal-establishment” ingħatat dawn il-mistoqsijiet waqt li l-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Joseph Muscat kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet.
“Mela jien kont waqt konferenza tal-aħbarjiet ta’ Joseph Muscat u kien hemm sett ta’ ġurnalisti. U kien hemm xi ħadd l-għada tant ma felaħx li għaddili sett ta’ ritratti ta’ ġurnalista ta’ Newsbook, il-ġurnalista Monique Agius. Taf min kien qed jagħmilhomlha l-mistoqsijiet? Min taħseb li kien qed jagħmel il-mistoqsijiet biex il-ġurnalista ta’ Newsbook tistaqsi lil Charlon Gouder, l-Avukat ta’ Joseph Muscat? L-establishment! Min hu?! Taf lil xi ħadd Jason Azzopardi? Taf lil xi ħadd Robert Aquilina? Taf lil xi ħadd Alessandra Dee Crespo? Qegħdin hawn ara.”
Jason Micallef
Fl-istess programm fejn Micallef kixef il-mod kif għadu jaħdem l-establishment Nazzjonalista, kienu qed jieħdu sehem ukoll l-eks Deputata Therese Commodini Cachia, li wkoll kienet parti mill-‘Blue Heroes’ ta’ Jason Azzopardi meta saret il-konġura kontra Adrian Delia erba’ snin ilu.
Magħha kien hemm ukoll l-Avukat ta’ Bernard Grech, Edward Debono.
Hawn l-esponenti tal-establishment dehru mfixklin b’dak li kixef Micallef.
Fil-fatt, f’nofs il-programm, Comodini Cachia wkoll heddedt li titlaq ’il barra meta ffaċċjata b’argumenti pertinenti.
Ta’ min ifakkar li dan hu l-istess stil kif opera l-establishment għal dawn l-aħħar ħdax-il sena mindu fl-2013 ġie skreditat mill-poplu. U dan bil-għan ċar li, anke permezz ta’ sabotaġġi fl-operat amministrattiv, jagħmel ħsara lit-tmexxija Laburista u lill-pajjiż.
Fost l-oħrajn, fl-2014 kienu żvelati chats bejn grupp ta’ uffiċjali għoljin governattivi f’istituzzjonijiet kruċjali, bħall-Bank Ċentrali, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, u l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, u membri fil-midja, bħal Ivan Camilleri tat-Times.
Dak li kien issejjaħ il-‘Finance Shadow Group’ kien jikkordina kontra l-liġi biex jimmina lill-Gvern b’informazzjoni li tgħaddi dirett lill-eks Ministru ta’ GonziPN, Tonio Fenech, qabel din biss tasal f’idejn il-Ministru responsabbli, dak iż-żmien il-Professur Edward Scicluna.
Mhux eskluż, li gruppi oħrajn simili ta’ sabotaġġ biex jaġevolaw lill-establishment u lill-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni kienu jew għadhom jeżistu.