Mara ta’ 28 sena mix-Xgħajra ngħatat il-ħelsien mill-arrest wara li tressqet il-Qorti, akkużata b’serq aggravat u li hija riċediva.
Quddiem il-Maġistrat Elaine Mercieca, il-Prosekuzzjoni spjegat kif il-mara serqet aktar minn €3,000 f’radji tal-karozzi minn ħanut f’Ħal Tarxien, f’numru ta’ serqiet differenti.
Hawn ġie spjegat kif is-sid tal-ħanut induna bis-serqiet wara li ħbieb tiegħu bagħtulu reklami fuq Facebook tal-apparat tiegħu stess li kien għal bejgħ. Kien hawn li huwa ċċekkja l-filmati tas-sigurtà tal-ħanut u kkonferma li kien qed jiġi misruq.
Il-mara ammettiet għall-akkużi miġjuba kontriha.
Id-difiża tal-imputata sostniet li l-mara tbati mill-kundizzjoni magħrufa bħala kleptomania, li tfisser li jkollha tentazzjonijiet kbar li tisraq. Fil-fatt, hawn talbet li jiġi kkumpilat rapport ta’ qabel is-sentenza fejn hemm tenniet li se tiġi kkonfermata din il-kundizzjoni li għandha l-mara u li qatt ma fittxet trattament dwarha.
Id-difiża sostniet ukoll li l-mara dejjem irritornat l-affarijiet li serqet u b’hekk talbet għall-ħelsien mill-arrest u li isimha ma jixxandarx minħabba l-kundizzjoni tagħha.
Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għall-ebda talba. Hija fil-fatt, ngħatat il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000.