Charmain Bezzina nstabet ħatja wara li ammettiet li fil-lejl ta’ bejn it-23 u l-24 t’Awissu hija kienet fil-pussess tad-droga erojina u kokajina. Bezzina ta’ 38 sena minn Ħal Luqa kienet ġiet imwaqfa fl-istess lejl mill-pulizija ta’ kontra d-droga. Kien hawnhekk fejn kif rathom tefgħet żewġ laned droga kokaina minn ġol-karozza.
Fil-karozza l-pulizija kienu sabu landa oħra ta’ droga eroina li mill-ewwel hija aċċettat ir-responsabiltà tagħha. Hija instabet ħatja wkoll li kisret il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti mill-Qorti fuq każ ieħor.
Filwaqt li l-ħelsien mill-arrest kien irrevokat, id-depożitu u l-garanzija li jammontaw għal €10,80 kienu kkonfiskati.
Il-Qorti ppreseduta mill-maġistrat Doreen Clarke kkundanatha wkoll għal 30 xahar priġunerija u multa ta’ €1,500.
Dan filwaqt li hija kienet ukoll ordnata tħallas l-ispiża tal-esperti tal-qorti. Il-Qorti, fid-digriet tagħha ordnat ukoll l-konfiska ta’ €1,260 u l-vettura tat-tip BMW li kienu esebiti bħala evidenza.