Ungeriża ta’ 34 sena tingħata l-libertà kkondizjonata wara li ammettiet li għamlet rapport falz dwar il-ħruq tal-appartament tagħha fl-Imsida li kkawżalha ħruq tat-tielet grad.
Il-mara wieġbet ħatja li fl-21 ta’ Jannar waqt li kienet qed tirċievi l-kura għall-ħruq hija għamlet rapport falz dwar kif beda n-nar fl-appartament tagħha.
Filwaqt li l-prosekuzzjoni u d-difiża avviċinaw is-sedja sabiex jiddeliberaw b’mod privat, sorsi qalu li inizjalment l-mara kienet qalet lil pulizija li hi kienet tissuspetta li n-nar kien tqabbad minn xi ħadd. Madankollu iktar tard hija ammetiet li kienet marret għajnha biha b’sigarett mixgħul f’idha minħabba li kienet xurbana.
Wara li ammettiet l-akkużi, l-qorti illiberatha bil-kundizzjoni li ma tikkommetix reat ieħor fi żmien sitt xhur, tħallas l-ispejjeż tal-qorti u l-esperti fl-inkjesta.
Il-maġistrat Aaron Bugeja temm iwiddeb lit-tfajla u qalilha sabiex tillimita l-ammont t’alkoħol li tikkonsma hekk kif dan jista’ jkollu impatt negattiv finanzjarjament, fuq saħħitha, u fuq r-relazzjonijiet tagħha.