16:30: Kull min għandu ħsieb li jgħin permezz ta’ drone hu avżat biex jiltaqa’ għada fit-8:00 ta’ filgħodu fil-parkeġġ tal-Blue Grotto sabiex jiġi kkordinat l-mod kif se ssir it-tfittxija bid-drones.
13:00: Qraba tal-familja issa qed jappellaw lil kull min għandu drone, biex jgħin fit-tfittxija għaż-żewġ żgħażagħ mal-kosta bejn Fomm ir-Riħ u ż-Żurrieq.
Sostnew li għandhom bżonn kull tip ta’ għajnuna u kull min jixtieq jgħin permezz tal-apparat tiegħu jista’ jikkuntattja lil Francesca fuq in-numru, 79767676.
L-istess persuna sostniet li hu se jkun fiż-żona jfittex bid-drone personali tiegħu, u li kulħadd għandu jevita ż-żoni ristretti qrib l-ajruport ta’ Malta.
Intqal talbu biex min se jgħin permezz ta’ drone ifittex f’daħliet fil-blat u għerien fejn minħabba li l-baħar hu mqalleb huma jkunux jistgħu jaċċessawhom permezz tad-dgħajes.
Kull min għandu l-ħsieb li jgħin f’din it-tfittxija għandu jekk jista’ jkun imur ma’ xi ħadd u javża lill-familjari fejn se jkun.
Aktar Qabel: Qraba u ħbieb tal-familja taż-żewġ żgħażagħ, Nick Johnson u Mark Petric li lbieraħ ġew irrapportati neqsin wara li nstabu xi affarijiet minn tagħhom qrib il-Blata tal-Melħ, qed jappellaw għal kull tip ta’ għajnuna mingħand il-pubbliku biex jinstabu.
Qraba appellaw fuq Facebook, flimkien ma’ ritratt ta’ wieħed mill-ġuvintur, Mark Petric u r-rota tiegħu, lill-persuni kollha li jaf ikunu qrib iż-żona tal-Blata tal-Melħ biex iżommu għajnejhom miftuħin f’każ li jaraw xi ħaġa – b’mod partikolari mal-Kosta.
L-istess persuna sostniet fil-kummenti li x’aktarx iż-żgħażagħ kellhom il-ħsieb li jinżlu jgħumu u li r-roti nstabu kmieni dalgħodu fejn l-aħħar kuntatt li kellhom ma’ Mark, il-ġuvni Malti, kienet it-tfajla tiegħu, il-Ġimgħa filgħodu għall-ħabta tad-9:00 ta’ filgħodu qabel ma telaq bir-rota.
Mark għandu paġni fuq diversi pjattaformi soċjali fejn fihom jpoġġi l-opinjoni tiegħu dwar suġġetti diversi, fosthom il-ħajja vegan, u kif ukoll ritratti tal-avventuri tiegħu. Fil-kummenti taħt ir-ritratti li tpoġġew fuq Facebook, ġie sostnut li Mark hu bniedem inteliġenti bit-tama li jekk sabu ruħhom f’diffikultà waqt li bdew jgħumu jaf forsi qed jistkennu f’xi għar li sabu fil-qrib.
It-tfittxijiet għadhom għaddejjin kemm permezz tal-baħar kif ukoll mill-ajru permezz ta’ ħelikopter.