Mal-450 tifel u tifla ma jgħixux mal-familja naturali tagħhom, u minflok jinsabu fil-fostering jew fi djar residenzjali f’pajjiżna.
Fid-dawl ta’ dan, bid-dħul fis-seħħ tal-liġi l-ġdida tat-tfal f’Jannar li ġej, l-awtoritajiet rispettivi qed jittamaw li jiżdiedu l-adozzjonijiet lokali.
Fost dawk li jaħdmu bla heda ma’ dawn it-tfal biex jassiguraw li jkunu protetti u siguri, hemm il-professjonisti fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, li issa għandhom uffiċini ġodda u aktar moderni minn fejn joperaw f’Santa Venera.
Waqt l-inawgurazzjoni tal-binja l-ġdida, il-manager tas-Servizzi tal-Ħarsien tat-Tfal Steve Libreri tkellem dwar is-servizzi speċjalizzati offruti mill-Fondazzjoni, bis-sehem ta’ social workers, psikologi u kriminologi, li jingħaqdu flimkien biex fi proċess delikat, jifhmu l-għeruq tal-problemi u jgħinu lit-tfal u l-familji jiżviluppaw il-kuraġġ biex jaħdmu fuqhom.
Steve Libreri manager tas-CPS spjega: “Dawn il-premises tal-lum huma biss hub taċ-Child Protection imma aħna fil-verità nippruvaw nimirħu kemm nifilħu għax nemmnu li l-familji li qegħdin ngħinu jistgħu verament jimxu ’l quddiem jekk sinċerament ikollhom għajnuna ta’ professjonisti differenti li qed jiġu flimkien b’mod orkestrat biex jgħinuhom jimxu ’l quddiem.”
Biex it-tfal jispiċċaw f’din il-binja jridu jew ikunu esperjenzaw, jew inkella jinsabu f’riskju, ta’ xi abbuż. Libreri tenna: “Naraw għalfejn qed jiġri dan l-abbuż, naraw x’inhi n-natura ta’ dan l-abbuż, naraw x’inhi d-dinamika u kif qed jiġri u f’liema ċirkostanzi u flimkien mal-familja neżaminaw ftit b’mod xjentifiku u professjonali kif nistgħu neliminaw it-triggers u l-funzjoni ta’ dak l-abbuż u nsibu soluzzjonijiet differenti li huma aktar appropriate.”
Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon ħares ’il quddiem lejn id-dħul fis-seħħ tal-liġi l-ġdida tat-tfal, u fakkar li din kienet ilha snin biex tiġi implimentata, iżda fl-aħħar se titwettaq.
Dr Falzon stqarr: “Insibha ftit diffiċli li għandna madwar 450, 480 tifel u tifla li mhumhiex jgħixu fil-familja naturali imbagħad għandna numru daqshekk baxx ta’ adozzjonijiet lokali. Inħares ’il quddiem li bit-tibdil li hemm fl-istess liġi jista’ jwassal għal aktar adozzjonijiet ta’ tfal li jibqgħu f’pajjiżna stess ma’ familji Maltin.”