Il-mexxejja tal-Korea t’Isfel u l-Ġappun iltaqgħu f’tentattiv biex itejbu rabtiet bejn iż-żewġ pajjiżi wara perjodu ta’ diffikultajiet fir-relazzjoni bejniethom.
Il-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in u l-Prim Ministru tal-Ġappun, Shinzo Abe kellhom taħdidiet bħala parti minn summit f’Chengdu iċ-Ċina. Iż-żewġ mexxejja kienu ilhom ma jiltaqgħu formalment għal aktar minn sena.
It-tilwim dwar il-kummerċ u l-kumpens tat-Tieni Gwerra Dinjija kienu l-fatturi fejn ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi ma baqgħux daqstant tajjeb f’dawn l-aħħar xhur. Iżda, il-President tal-Korea t’Isfel qed jittama li jissolvew id-differenzi ta’ bejn iż-żewġ pajjżi.