Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal kompla jsaħħaħ l-impenn tiegħu lejn persuni vulnerabbli, permezz ta’ ftehim soċjali ġdid ta’ miljun u nofs ewro ffirmat mal-Fondazzjoni Sebħ, l-organizzazzjoni tal-Knisja.
Dan il-ftehim jiggarantixxi l-kontinwità tas-servizz offruti mill-‘Milja’, xelter magħruf li jilqa’ nisa u wliedhom li jkunu f’riskju minħabba vjolenza domestika.

Il-ftehim, li jkopri tliet snin, se jassigura l-għoti ta’ 12-il unit ta’ akkomodazzjoni fejn dawn il-familji mhux biss ikollhom saqaf fuq rashom, iżda wkoll jiġu mgħejjuna b’appoġġ emozzjonali u edukattiv, speċjalment għat-tfal li jispiċċaw mill-iskola minħabba ċirkostanzi partikolari li jkunu spiċċaw fihom.
Il-Ministru Michael Falzon sostna li dan hu pass ieħor konkret favur il-ġustizzja u l-mobilità soċjali.
“Kulħadd jifforma parti mis-soċjetà, forsi jissemmew l-aktar l-investiment finanzjarju fuq €1.5 miljun fuq tliet snin. Imma l-aqwa investiment li nagħmlu fin-nies, in-nies li nwassluhom kif jisimha d-dar, fil-milja tagħhom.”
Il-Ministru Michael Falzon
Dan ix-xelter qed iservi bħala “stadju sekondarju”, fejn ir-residenti jingħataw l-opportunità jgħixu f’ambjent semi-indipendenti, bħala parti minn proċess li jgħinhom jerġgħu jibnu ħajjithom b’mod stabbli fis-soċjetà.
Dan il-ftehim jikkonferma l-impenn tal-Gvern lejn servizzi soċjali li jilqgħu u jsostnu lill-aktar nies fil-bżonn, b’mod partikolari dawk li jkunu qed ifittxu salvataġġ minn ċirkostanzi diffiċli u perikolużi.