Tifel ta’ erba’ snin li tliet snin ilu kien dijanjożat b’marda li twassal għall-mewt bikrija ħafna se jkun qed jgħix. Kienet il-gazzetta KullĦadd li rrapportat l-aħħar żviluppi fl-istorja ta’ Gabriel Abela li llum għandu erba’ snin.
Il-ġurnalista Ritianne Agius irrapportat kif għal snin twal l-esperti mediċi emmnu li Gabriel kien qed ibati minn kundizzjoni magħrufa bħala Lewkodistrofija. Din hija marda diġenerattiva li m’hawnx kura għaliha, u li spiss twassal għal mewt bikrija.
Il-ġenituri ta’ Gabriel, Mario u Marcelle, damu żmien twil taħt xokk, u din l-aħbar qalbitilhom ħajjithom ta’ taħt fuq. Għexu ġurnata wara l-oħra għal erba’ snin sħaħ bil-biżgħa li binhom se jaqleb għall-agħar u jmut f ’qasir żmien.
Peró Marcelle ma waqfitx tagħmel kuntatt ma’ speċjalisti f ’dan il-qasam minn madwar id-dinja, filwaqt li fuq livell lokali mexxiet kampanja biex tqajjem kuxjenza dwar il-mard rari.
Il-KullĦadd jirrapporta kif wara li l-koppja Abela talbu speċjalisti fl-Awstralja jistudjaw il-każ ta’ binhom bħala parti minn programm ta’ riċerka fuq tfal bil-lewkodistrofija, ġie konkluż li Gabriel fil-fatt mhux qed ibati minn lewkodistrofija, imma minn kundizzjoni li għandha sintomi simili.
Din il-kundizzjoni hija magħrufa bħala static encephalopathy jew cerebral palsy. Għalkemm din hija wkoll kundizzjoni serja, madankollu mhix waħda ġenetika u diġenerattiva li tibqa’ tavvanza sakemm twassal għall-mewt. Fil-każ ta’ Gabriel, iddiġenerazzjoni jidher li waqfet, u l-ispeċjalisti Awstraljani mhux qed jipprevjenu li se tkun qed tisskota fil-futur immedjat.
Aqra l-istorja ta’ Gabriel hawn taħt.