Wara li testijiet kliniċi wrew li l-pillola ‘capivasertib’ tista’ tittardja l-progressjoni tal-marda tal-kanċer tas-sider fi stat avvanzat, kif ukoll kien hemm riżultat li fi kwart ta’ dawk ittestjati t-tumur naqas fid-daqs, id-dipartiment tal-assessjar tal-mediċini fl-Ingilterra approva li dan it-trattament jiddaħħal fil-lista ta’ mediċina li titqassam b’xejn mill-NHS.
Dan ifisser li madwar tliet elef mara fis-sena se tkun qed tibbenefika minn dan it-trattament b’xejn u huwa wieħed minn diversi offruti lill-persuni li l-kanċer tagħhom jinsab fi stadju avvanzat u mingħajr tama li jkun ikkurat.
Xjentisti kienu bdew jaħdmu fuq din il-pillola madwar 20 sena ilu u qed jgħidu li dan u l-aktar trattament tal-kanċer effikaċi li qatt raw f’każijiet ta’ kanċer fi stat avvanzat. Il-mediċina ‘capivasertib’ hija waħda li tipprovdi terapija speċifika u taħdem b’mod ġdid hekk kif timblokka l-molekula tal-proteina AKT li twassal għat-tkabbir tal-kanċer.