Fl-istorja ta’ pajjiżna il-ġurnata tal-15 ta’ Awissu tibqa’ xempju tat-twemmin b’saħħtu li ġensna sa minn dejjem kellu f’Marija Santissima.
Dan minħabba li lura fl-1942 f’nofs gwerra qalila fejn il-Maltin kienu diġà sofrew attakki ħorox fuq darhom u nieshom, waslet t-tama.
It-tama f’nofs dan il-perjodu mdallam wasal fil-forma ta’ erba’ bastimenti mimlija provisti minn konvoj sħiħ ta’ erbatax-il bastiment.
Fl-istess kmamar li fihom ġew pjanati għexieren ta’ operazzjonijiet militari ingliżi tkellimna maċ-Chairman Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Wirt Artna, Mario Farrugia.
Bil-bandiera oriġinali ta’ wieħed mill-bastimenti li waslu f’pajjiżna parti mill-Konvoj ta’ Santa Marija huwa spjega kif l-bastimenti li waslu ma’ waslux kollha f’daqqa.
Qal, “L-ewwel daħlu tlieta fit-tlettax ta’ Awissu, imbgħad fl-14 ta’ Awissu daħal it-tanker ‘Ohio’ li kien maqsum. Dan kien ġie abbandunat xi tliet darbiet fil-baħar u kien f’sitwazzjoni li prattikament kien ser jEgħreq, pero ovVjament id-destin ried li dan jidħol. Kif daħal dan it-tanker is-sitwazzjoni inbidlet kompletament. Fil-fatt l-ajruplani bbażati f’Malta setgħu jibdew l-offensiva kontra l-Assi biex imbagħad f’Ottubru ta’ 1942 meta kien hemm il-battalja tal-Alamein l-Assi kienu l-‘underdog’.”
Huwa spjega kif dan il-konvoj kien sar fi żmien fejn Malta kienet kompletament maqtugħa mill-provvisti u li għalhekk l-attakki tagħha fil-gwerra kienu limitati ħafna.
Stqarr kif għalhekk dan il-konvoj kien kruċjali li jasal jekk l-forzi Brittaniċi seta’ qatt ikollhom ċans biex jirbħu l-gwerra.
Dan filwaqt li l-għadu ma setax iħalli l-provvisti jaslu lejn xtutna.
Spjega, “Il-forzi bbażati f’Malta kienu għerqu madwar 35% tal-materjal kollu li kien qed jintbagħat bil-baħar mill-Ewropa għall-Afrika ta’ Fuq u kien għalhekk illi meta Operation Pedestal bdiet, din bdiet kmieni f’Awwissu, l-forzi tal-Assi fil-Mediterran attakkawha b’kull mezz possibbli. Ippruvaw jgħerrquhom il-bastiment, riedu jgħerrquhom għaliex kienu jafu li jekk jidħol partikolarment tanker, is-sitwazzjoni terġa’ tinbidel.”
Filwaqt li l-impressjoni l-iżjed popolari hija li dan il-konvoj qata’ il-ġuħ tal-Maltin, Farrugia spjega kif il-qagħda tal-Maltin ftit marret għall-aħjar.
Madankollu, xorta waħda l-wasla għall-Maltin dak iż-żmien kienet grazzja mibgħuta mis-sema’.
Dan għaliex fehmu li l-provvisti li waslu f’pajjiżna kienu biżżejjed biex il-qawwiet Ingliżi jerġgħu jibdew joħorġu fuq l-offensiva kontra l-qawwiet tal-għadu.
Qal, “Il-Maltin fehmu mill-ewwel li permezz ta’ dan il-konvoj Malta kienet salvata għaliex issa Malta setgħet terġa’ tibda tattakka, mhux taqla’ biss iżda tattakka wkoll.”