Oriana Bertolini hija t-Taljana ta’ 31 sena li tilfet ħajjitha wara li kienet riekba fuq quadbike li waqa’ minn fuq irdum.
Hija kienet minn Marsala u kienet tilgħab il-volleyball.
L-inċident seħħ is-Sibt għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija fi Triq il-Mielaħ, l-Għarb, Għawdex.
Fuq il-post assistew minnufih il-Pulizija flimkien ma’ membri mill-Forzi Armati ta’ Malta u mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Investigazzjonijiet preliminiari rriżultaw kif Taljan ta’ 47 sena, kien qiegħed isuq quadbike qrib l-irdum u tilef il-kontroll. Miegħu kien hemm riekba l-vittma.
Konsegwentement, ir-raġel laħaq qabeż minn fuq il-quadbike però il-mara ma rnexxilhiex, u waqgħet b’kollox minn fuq l-irdum għal ġol-baħar.
Wara tfittxija li saret, il-mara ttellgħet mill-baħar u ttieħdet fil-Port tal-Imġarr, imma sfortunatament ġiet iċċertifikata mejta.
Ir-raġel ingħata l-għajnuna medika fuq il-post u wara ttieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ħfief.
Il-Maġistrat Brigitte Sultana kienet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li linvestigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.