Taljan ta’ 29 sena li joqgħod San Pawl il-Baħar ġie arrestat b’rabta ma’ sejba ta’ droga suspettata kokaina u kannabis, allegatament biex tkun ittraffikata. Huwa mistenni jitressaq il-Qorti għall-ħabta tat-tlieta ta’ wara nofsinhar biex jaffaċċja akkużi relatati ma’ traffikar u pussess aggravat ta’ droga, kif ukoll b’ħasil ta’flus.
Fi stqarrija mill-uffiċju tal-komunikazzjoni tal-Korp tal-Pulizija intqal kif l-Erbgħa li għadda il-Pulizija ċċirkondaw lir-raġel f’San Pawl il-Baħar. Minn tfittxija li saret f’residenza u f’garaxx fl-istess lokalità u aktar tard f’garaxx fl-Imsida, il-Pulizija sabet madwar kilo u nofs kokaina u madwar 15-il kilo kannabis, b’valur fit-triq li jaqbeż l-€450,000. Instabu ukoll €250,000 fi flus kontanti.



