Taljan ta’ 36 sena, li joqgħod Birkirkara tilef ħajtu wara aċċident fatali tat-traffiku fl-Imsida.
L-aċċident seħħ tard ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tat-tmienja u kwart fi Triq Mikiel Anton Vassalli.
Mill-ewwel stħarriġ li sar irriżulta li r-raġel kien qiegħed isuq mutur Honda u waqt li kien fil-mina, tilef il-kontroll, ħabat mal-ħajt u waqa’.
Il-vittma minnufih ingħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.
Sfortunatament huwa kien iċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Il-Maġistrat Dr Philip Galea Farrugia ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.