Taljan ta’ 41 sena li joqgħod Bormla nżamm arrestat wara li tressaq fuq akkużi relatati ma’ traffikar ta’ droga kokaina, b’pussess ta’ droga.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li rċeviet informazzjoni li kien hemm vettura suspettuża tinstaq lejn il-Marsa. Spjegat kif il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post u wara li ċċekjaw il-karozza, l-imputat għaddilhom borża b’sustanza suspettata droga.
Intqal ukoll li saret ukoll spezzjoni fid-dar tal-akkużat, fejn hemmhekk instabu ammont sostanzjali ta’ droga tat-tip kokaina.
Hawnhekk l-akkużat stqarr mal-Pulizija li huwa kien qed jagħmel użu mid-droga għaliex tirrilassah. Il-Pulizija qalet li hu qalilhom li jifforma wkoll parti minn grupp kriminali li jimportaw drogi.
Id-Difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest. Din it-talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni bir-raġuni li l-akkużat jagħmel parti minn grupp kriminali u minħabba biża ta’ intralċ tal-provi anke fid-dawl li fadal xhieda li jridu jixhdu.
Kien għalhekk li l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Nadine Lia ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.