Rosario Costa ta’ 28 sena baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb ħati talli fit-tnejn t’April wettaq hold-up fi Triq San Luqa f’Wied il-Għajn.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif għall-ħabta tat-tmienja ta filgħaxija, Costa daħal f’ħanut self service, qabad sikkina minn fuq il-post u hedded lil ħaddiem ta’ sebgħin sena iżda dan irrifjuta milli jtih il-flus.
Wara ġlieda fejn indarbu l-imputat u l-anzjan permezz tas-sikkina, Costa irnexxielu jieħu ponn muniti minn wara l-bank, li mtela’ bid-demm taż-żewġ persuni.
Intqal kif l-imputat ħasel il-muniti, li ammontaw għal madwar tmienja u għoxrin ewro mid-demm u uża l-flus sabiex jixtri d-droga.
Fil-fatt, id-difiża spjegat li l-akkużat għandu problema serja tad-droga.
Id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk Costa se jibqa jinżamm taħt arrest, u l-flus li nsterqu mill-ħanut tħallsu lura lis-sid mill-kuġin tal-imputat.
Is-sentenza f’dan il-każ se tingħata f’seduta oħra.