Taljan indarab gravi wara li waqa’ madwar ħames sulari għoli f’binja fil-Gżira.
L-inċident seħħ illum, għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta filgħodu f’binja fi Triq D’Argens, il-Gżira.
Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li raġel Sqalli ta’ 42 sena, indarab wara li għal xi raġuni waqa’ għoli ta’ madwar ħames sulari minn bokka ta’ lift.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.