Raġel Taljan qed isofri minn grieħi serji wara li ttajjar minn vettura fil-Marsa.
L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tad-disgħa neqsin għaxra, il-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident stradali fi Triq Aldo Moro, il-Marsa.
Il-Pulizija mir-Rapid Internvention Unit flimkien ma’ dawk mid-Distrett marru minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li raġel Taljan li għandu 50 sena, residenti San Ġwann, għal xi raġuni, intlaqat minn vettura tat-tip Opel Astra li kienet qiegħda tinstaq minn raġel ta’ 42 sena li joqgħod Ħal Għaxaq.
Sussegwentement, vettura oħra tat-tip Nissan Qashqai misjuqa minn raġel ta’ 38 sena, residenti ż-Żejtun, kellha impatt mal-vettura li laqtet lill-vittma bil-konsegwenza li din tal-aħħar imxiet għal fuq l-istess vittma.
Fuq il-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li flimkien mal-Pulizija, refgħu l-vettura sabiex seta’ jinħareġ ir-raġel ta’ 50 sena minn taħtha. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza u aktar tard ġie iċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr J Mifsud LL.D li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabix jassistuh.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.