Wara jiem ta’ sorvelljanza, illum saret operazzjoni msejjħa ‘OP RICH’ konġunta bejn membri tal-Intelligence u tal-Counter Terrorism Unit, fejn ġie arrestat Taljan ta’ 42 sena mis-Swieqi abbazi ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew.
It-Taljan li huwa magħruf sewwa fiċ-ċrieki tal-Igaming hawn Malta, ser jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin sabiex jibda l-proċess ta’ estradizzjoni.
L-istess persuna ġie rikjest mill-Awtoritajiet kompetenti Taljani a bazi t’assoċjazzjoni f’organizzazjoni, immaniġjar u kollezzjoni ta’ mħatri u flejjes illegali sabiex jiffaċilitaw organizzazjoni mafjusa.
Mill-bidu tas-sena ġew esegwiti 6 Mandati ta’ Arrest Ewropew ġewwa Malta.
Dawn l-operazzjonijiet huma intiża sabiex persuni maħruba u mfittxija Internazzjonalment jiġu mgħoddija f’idejn il-ġustizzja u sabiex tkompli dejjem tikber u tissaħaħ il-ġlieda kontra l-organizzazjonijiet kriminali.