Taljan ta’ 39 sena f’San Pawl il-Baħar ġie arrestat għall-ħabta tas-2:00 ta’ waranofsinhar, b’rabta ma’ allegat organizzazzjoni kriminali ta’ traffikar tad-droga fl-Italja.
Hu ġie arrestat mill-Pulizija tat-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali.
Dan wara li fl-aħħar jiem il-Pulizija kienet involuta f’operazzjoni ta’ sorveljanza fuq Taljan, wara li l-investigazzjonijiet wasslu biex ikun identifikat li r-raġel qiegħed jgħix Malta.
Din l-operazzjoni saret bil-kollaborazzjoni mal-Pulizija Taljana, hekk kif l-arrest sar fl-istess waqt li f’Sirakuża kienet qiegħda ssir operazzjoni mill-Carabinieri fejn ġew arrestati wieħed u tletin persuna b’rabta ma’ traffikar tad-droga li allegatament kien qiegħed iħalli qligħ ta’ ħamsa u għoxrin elf ewro kuljum lil din l-organizzazzjoni kriminali.
It-Taljan ittieħed il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija l-Floriana għal aktar stħarriġ u mistenni jitressaq il-Qorti għada.