Taljan ta’ 25 sena ġie arrestat b’rabta ma’ serqa minn ħanut f’Għajnsielem, Għawdex.
Hu kien arrestat ilbieraħ waranofsinhar wara investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ serqa ta’ flus kontanti nhar l-14 ta’ Settembru.
Fi stqarrija mill-Pulizija ntqal kif minnufih bdew investigazzjonijiet intensivi li wasslu biex ġie identifikat l-allegat ħalliel.
Huwa ġie arrestat hekk kif ħareġ minn blokka ta’ appartamenti f’Għajnsielem filwaqt li aktar kmieni llum, ir-raġel tressaq taħt arrest fil-Qorti t’Għawdex quddiem il-Maġistrat Simone Grech akkużat b’serq, fost akkużi oħra.
L-allegat aggressur ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.