Anthony Taliana ta’ 30 sena mill-Ħamrun ġie kkundanat 3 snin ħabs effettivi, wara li nstab ħati li lura fl-2009 b’ mod involontarju qatel lic-ciklist James Clifford Micallef fi Triq il-Kosta f’Baħar ic-Cagħaq u li baqa’ sejjer.
Fil-Qorti Taliana instab ħati fost oħrajn b’omiċidju involontarju ta’ Micallef ta’ ħamsa u erbgħin sena u li saq meta ma kienx f’kundizzjoni li jsuq minħabba xorb jew drogi, nhar it-30 ta’ Lulju tal-2009 għall-ħabta tal-5:15am.
Il-Maġistrat Audrey Demicoli qalet li s-sitwazzjoni aggravat ruħha meta rriżulta li wara li laqat lill-vvitma, Taliana baqa’ sejjer biex iwassal lill-passiġġiera li kellu miegħu Buġibba u wara mar il-Ħamrun biex iħalli l-vettur fil-garaxx ta’ missieru.
Dan għamlu anke jekk kien konxju minn dak li kien għadu kif għamel, hekk kif is-sieħba tiegħu qaltlu wkoll biex jieqaf għax laqat persuna u nkiser il-windscreen.Irriżulta li Taliana ħalla lil missieru jieħu r-responsabilita’ għall-involviment fl-inċident u telaq minn fuq il-post meta mwaqqfa mill-Pulizija, fejn la rrisponda l-mobile u lanqas fetaħ il-bieb lill-Pulizija.
Taliana nstab ħati wkoll li kien rċediv ta’ sentenza tal-Qorti tas-16 ta’ April 2009.
Taliana kellhu wkoll il-liċenzja tas-sewqan sospiża għal sena.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Assistent Kummissarju Kevin Farrugia li dak iż-żmien tal-inċident kien Spettur.