Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet id-DJ internazzjonali Malti, Joven Grech, magħruf aħjar bħala Tenishia, daqq fl-akbar festival tal-mużika eletronika fid-dinja – Tomorrowland fil-Belġju. Din is-sena ‘l fuq minn 400,000 persuna minn madwar id-dinja attendew għall-festival, mqassam fuq żewġ weekends. Din kienet ir-raba’ darba li Tenishia daqq f’Tomorrowland.
Tenishia stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-aqwa DJs tal-mużika Trance fid-dinja, kif ukoll gie kkonfermat qalb l-aqwa mitt DJs fid-dinja għal ħames darbiet fuq ir-rivista ingliża DJ Mag. Huwa sar familjari ma’ DJs kkunsidrati bħala leġġenda fix-xena mużikali. Dawn jinkludu lil Armin van Buuren u Paul Oakenfold, li mhux biss jissapportjaw il-mużika tiegħu imma huma wkoll ħbieb ta’ Tenishia, liema ħbiberija nbniet meta daqqew fl-istess Festivals bħal Tomorrowland.
Fil-kummenti tiegħu fuq kif irnexxielu jasal s’hawn, Joven spjega kif l-idoli tiegħu u dawk kollha li kienu jispirawh meta kien għadu zgħir, illum saru ħbieb u kollegi.
Wieħed jista’ jsegwi l-avventura ta’ Tenishia f’Tomorrowland fuq il-paġna ufficjali ta’ Tenishia fil-midja socjali, kif ukoll fuq il-paġna personali ta’ Joven fejn inħoloqot ‘marketing stunt’ żgħira bil-bezzun ta’ l-Airmalta li ġiegħel mijiet ta’ Maltin isegwu l-avventura tiegħu.