Sal-aħħar t’Ottubru ta’ din is-sena, id-Dipartiment li jipproċessa l-applikazzjonijiet għall-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa, magħrufa bħala l-EHIC, diġà ħareġ tlettax-il elf card aktar minn kemm ħareġ f’sena sħiħa, fis-sena ta’ qabel il-pandemija.
Fil-fatt, minn Jannar s’Ottubru ta’ din is-sena, inħarġu aktar minn sitta u ħamsin elf EHIC.
Tul is-sentejn tal-pandemija, fl-elfejn u għoxrin u fl-elfejn u wieħed u għoxrin, ġew ipproċessati aktar minn wieħed u erbgħin elf card.
Fl-elfejn u dsatax, meqjusa fost l-aktar snin b’saħħithom għas-settur tat-turiżmu, inħarġu aktar minn erbgħa u tmenin elf card.
L-EHICs huma l-cards il-blu li wieħed jieħu miegħu meta jsiefer f’xi pajjiż fl-Unjoni Ewropea biex ikun kopert f’każ ta’ bżonn ta’ xi servizz mediku.
Fil-binja fejn jiġu proċessati l-applikazzjonijiet għal dawn il-cards, tkellimna ma’ Michelle Galea, li tmexxi dan l-uffiċċju.
Ma’ ONE News spjegat li l-EHIC tkopri ċittadin Ewropew meta jkun fuq żjara temporanja f’pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea għal dak li jista’ jiġri tul dak il-perjodu ta’ safar, inkluż meta bniedem ikun qed jistudja barra minn pajjiżu.
Il-kura medika trid tingħata fi sptarijiet pubbliċi għaliex il-karta l-blu ma tkoprix is-servizzi li jingħataw fl-isptarijiet privati.
Qalet, “Tkoprik abbażi ta’ xi jkopri liċ-ċittadini f’dak il-pajjiż li tkun mort fih, jiġifieri, hemm pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li għandhom co-payments, jiġifieri li meta jmorru l-isptar, iridu jħallsu xi ammont ta’ flus. F’dak il-każ, dak l-individwu jkun irid iħallas dak il-co-payment.”
Għal din ir-raġuni, u ħafna oħrajn, huwa importanti li meta bniedem isiefer, xorta jagħmel assigurazzjoni privata.
Qalet, “Ma tistax inti tiġi bżonn li tiġi ripatrijat lura lejn Malta u tuża l-European Health Insurance biex tħallas il-kont. Dak il-kont ma jiġix kopert. Ukoll ma tistax tmur b’għan li tirċievi kura barra minn Malta u tuża l-European Health Insurance Card.”
L-EHIC tiġġedded kull ħames snin u hemm diversi mezzi kif wieħed japplika għal din il-kard.
Qalet, “Biex japplika, wieħed jista’ juża l-website tagħna jew inkella jmur il-Kunsill Lokali jekk forsi ma jħossux daqshekk komdu li juża t-teknoloġija. Il-Kunsilli Lokali aħna nikkollaboraw magħhom, fis-sens li jkollhom applikazzjonijiet li tista’ tieħu waħda minn hemm, timliha u tibgħatilna bil-posta.”
Wieħed jista’ japplika jew iġedded din il-kard anki permezz tal-app fuq il-mobile MT Health Entitlement, li hija disponibbli kemm fuq Apple u anki Android.