Fi stqarrija Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm għamel talba għal demm ta’ kull tip speċjalment O+. L-istqarrija spjegat li huwa importanti li l-Bank tad-Demm fl-Isptar Mater Dei, u l-Bank tad-Demm fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex ikollhom riżerva tajba ta’ demm minn qabel iseħħ korriment jew aċċident. Mill-banda l-oħra importanti wkoll li meta dawn iseħħu l-pubbliku jirrispondi bi ħġaru biex ir-riżerva terġa’ titla’ malajr u s-Servizz tas-Saħħa f’kull waqt ikun lest għal dak kollu li jista’ jinqala’ bla mistenni.
Is-Servizz jixtieq jappella wkoll għal ħafna iktar pudenza fis-sewqan u attenzjoni massima għar-regoli tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-lantijiet tax-xogħol. Spjegaw li l-għoti tad-demm għandu jsir kemm jista’ jkun malajr fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ G’Manġa li bħal dejjem jiftaħ 7 ijiem fil-ġimgħa mit-8:00am sas-6:00pm. Kull donatur għandu jieħu miegħu l-karta tal-identità.
Minħabba l-imxija tal-COVID-19 qed jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi protett kulmin jersaq biex jagħti d-demm, kif ukoll il-professjonisti tas-Servizz. Għal aktar informazzjoni dwar l-għoti tad-demm tista’ tinkiseb minn www.blood.gov.mt Wieħed jista’ wkoll iċempel 79307307 jew Freephone 80074313.