Il-ħtieġa rikorrenti għat-trasfużjonijiet tad-demm mill-pazjenti morda bil-kanċer, mill-morda bil-kliewi, minn dawk operati, speċjalment minn dawk li tista’ tgħid qed ikorru gravi ta’ kuljum qed jagħmilha ferm diffiċli għas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm biex ilaħħaq mad-domanda għad-demm, u fuq kollox biex iżomm riserva adekwata għal dak li jista’ jinqala’ bla minstenni.
Quddiem dan ix-xenarju s-Servizz qed jappella biex ikun hawn ħafna iktar donazzjonijiet tad-demm b’mod immedjat.
Dawk li jixtiequ jwieġbu għal din is-sejħa huma ġentilment mitluba biex jersqu fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum mit-8:00 ta’ filgħodu sas-18:00 ta’ filgħaxija.