Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta minn imħallef, ċaħdet l-appell tal-għaqda Repubblika f’challenge, li fetħet kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, u li, dwaru, ħu d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina nfexx jattakka kemm lill-istess Angelo Gafà kif ukoll lill-Maġistrat li tat id-deċiżjoni fl-ewwel Qorti, Dr Nadine Sant Lia.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera l-Ħamis filgħodu ċaħdet l-appell ta’ Repubblika u kkonfermat is-sentenza tal-ewwel Qorti, li kienet ukoll talbet li Aquilina għandu jiġi investigat fuq leaks illegali minn inkjesta. Il-Qorti Kriminali innotat kif l-għaqda Repubblika ma kellhiex raġuni tibda dawn il-proċeduri u remiet ’il barra l-aggravji li ressqet l-istess għaqda.
Il-każ kien jittratta lill-għaqda Repubblika li, permezz tal-President, ressqet rikors il-Qorti kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, għax, skont in-Nutar Robert Aquilina, ma ressaqx persuni li kienu jaħdmu fil-Bank Pilatus wara inkjesta marbuta ma’ ħasil ta’ flus.
Iżda l-ewwel Qorti ma qablitx mal-għaqda Repubblika u saħqet li l-Pulizija dejjem segwiet l-ordnijiet mogħtija lilha mill-Qorti Inkwerenti kif ukoll mill-Avukat Ġenerali.
Intqal li Aquilina kellu informazzjoni li mhux suppost kellu f’idejh.
Il-Qorti kienet innotat kif, f’ħafna mix-xhieda tiegħu, Aquilina bbaża ħafna fuq xniegħat u fuq dak li sema’ mingħand in-nies. Meta ntalab isemmi lin-nies, li qalulu bl-informazzjoni, hu ma qalx min huma.
Ġie rrimarkat li kien hemm leaks mill-inkjesta dwar Pilatus Bank, tant li kien hemm testi oriġinali li ġew leaked. Il-Qorti nnotat kif dan hu inkwetanti u kif l-istituzzjonijiet naqsu li jħarsu dan.
Ġie spjegat kif Robert Aquilina kellu f’idejh informazzjoni li mhux suppost kienet għandu u l-Maġistrat innotat li kien hemm leaks, fosthom mid-Dipartiment għall-Investigazzjoni dwar il-Kriminalità Finanzjarja, l-FCID, fejn kien hemm jaħdem l-eks Supretendent Frank Anthony Tabone, illum kandidat Nazzjonalista fuq it-13-il Distrett u magħruf kemm hu qrib ħafna ta’ Jason Azzopardi.
Fuq din id-deċiżjoni tal-Qorti, Robert Aquilina u ta’ Repubblika kienu marru barra d-Depot jattakkaw lill-Kummissarju tal-Pulizija u jgħidu li meta jrid jsejjaħlu, imma mingħandu mhu se jieħu xejn.
Aquilina kien infexx jattakka lill-Maġistrat u issa anke tilef l-appell.