Christoper Bartolo ta’ 36 sena mill-Fontana Għawdex, li t-Tnejn fi protest ġudizzjarju allega li ma kienx qed jingħata l-kura meħtieġa mill-awtoritajiet tal-ħabs għal marda fil-kliewi, talab għall-ħelsien mill-arrest.
Bartolo, li t-Tnejn fil-protest ġudizzjarju allega li nkisrulu d-drittijiet tiegħu meta fil-ħabs ma ngħatax il-mediċina meħtieġa u għaldaqstant fallietlu kilwa li kien irċieva fi trapjant, f’April ingħata sentenza ta’ ħames snin habs u multa ta’ €15,000 ewro wara li ammetta li komplessivament f’numru ta’ okkażjonijiet, b’kollox traffika kilo u nofs reżina tal-cannabis.
It-Tlieta, fit-talba għall-ħelsien mill-arrest, Bartolo spjega minkejja li appella minnufih għas-sentenza mogħtija lilu f’April, ilu tliet xhur u nofs jistenna.
L-avukati ta’ Bartolo talbu għall-ħelsien mill-arrest ħalli jkun jista jieħu t-trattamenti neċessarji, filwaqt li sostnew li sakemm jinqata l-appell, l-akkużat għandu jkun meqjus bħala innoċenti.