L-għaqda mhux governattiva Doninu Malta qed tappella għall-għajnuna tal-pubbliku għall-familja ta’ żagħżugħ Malti, li ilu jieħu l-kura f’Birmingham, l-Ingilterra, għal dawn l-aħħar seba’ xhur.
F’Ottubru li għadda, ONE News kien iltaqa’ ma’ omm iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena, li l-ħajja wasslitu biex jiffaċċja għadd ta’ operazzjonijiet kawża ta’ kundizzjoni li kawża tagħha għaxar snin ilu spiċċat titgħawwiġlu l-ispina ta’ daharu.
Sfortunatament, wara l-aħħar operazzjoni, iż-żagħżugħ feġġewlu komplikazzjonijiet oħra fil-pulmun u issa jinsab f’koma mqabbad mal-magni, waqt li ġismu jkompli jiġġieled.
L-omm kienet semmietilna li, għalkemm il-Gvern Malti u anke Puttinu jibqgħu jagħtuhom għajnuna kbira, inkluż fl-ispejjeż tal-operazzjonijiet, fil-vjaġġi bl-ajru u bit-taxis, l-ispejjeż jibqgħu kbar mhux l-inqas biex il-qraba jkunu jistgħu jibqgħu qribu f’dan iż-żmien kollu.
Għaldaqstant, Doninu Malta qed tħeġġeġ biex, bħala komunità u b’kompassjoni, jingħata appoġġ liż-żagħżugħ b’donazzjonijiet, anke żgħar, li jistgħu jagħmlu d-differenza għal familtu.
Id-donazzjonijiet jistgħu jintbagħtu direttament lill-familja fuq Revolut jew il-BOV Mobile App bin-numru +356 99901078.