Aktar kmieni llum pajjiżna ssottometta talba quddiem il-Kummissjoni Ewropea sabiex jaġġorna l-pjan tiegħu ta’ Rkupru u Reżiljenza.
Dan għamlu bil-għan li jiżdied kapitlu bl-isem REPowerEU.
L-objettiv wara din il-modifikazzjoni proposta fil-pjan ta’ pajjiżna huwa dak li jżid u jaċċellera proġetti ta’ enerġija rinnovabbli filwaqt li jiżdied ukoll obbligu li jiġu installati pannelli solari fuq binjiet ġodda.
Din l-emenda fil-pjan ta’ pajjiżna tara wkoll li jkun hemm investiment immirat biex itejjeb u jżid il-kapaċità tal-grilja tal-elettriku f’pajjiżna, inklużi anke soluzzjonijiet bħall-ħażna tal-enerġija f’batteriji apposta.
Issa l-Kummissjoni Ewropea għandha xahrejn sabiex tevalwa l-emendi li ressaq pajjiżna u tiddeċiedi jekk dawn humiex konformi mar-regolamenti tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
Il-Kummissjoni Ewropea approvat il-Pjan ta’ Rkupru ta’ pajjiżna f’Settembru tal-2021 u l-President tal-Kummissjoni, Ursola Von der Leyen, fissritu bħala l-aktar wieħed fl-Unjoni Ewropea li jirrispetta l-ambjent.