F’sessjoni mal-midja, il-Gvern ipprovda l-informazzjoni b’mod trasparenti dwar in-negozjati bejn il-Unjin tal-Għalliema, l-MUT u l-Amministrazzjoni Pubblika dwar il-ftehim tal-MCAST.
Dawn id-dettalji, ingħataw mis-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li hi responsabbli wkoll mill-Industrial Relations Unit, Dr Joyce Cassar u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni Matthew Vella.
Intqal kif il-Gvern qed iżomm qabel kollox, l-interess tal-istudenti u l-edukaturi, filwaqt li l-MCAST għandha kull dritt u obbligu tnaqqas kwalunkwe impatt negattiv li jista’ jkun hemm fuq l-istudenti, filwaqt li tiżgura li l-benesseri u l-ħajja akkademika tagħhom ikunu stabbli.
Intqal, kif il-Gvern, ma jista’ qatt jaċċetta li jiftiehem fuq talbiet li ma jkunux sostenibbli, u li jkomplu joħolqu piż fuq l-istudenti u l-qraba tagħhom.
Hawn, intqal kif l-Amministrazzjoni Pubblika tħoss li hawn informazzjoni mhux kompluta – u proprju għalhekk ittellgħet din is-sessjoni, sabiex dawk ikkonċernati, jkunu jafu b’dak li qed jiġi propost u diskuss.
Fost l-oħrajn, l-MUT qed tippreżenta l-prinċipju li l-letturi jitħallsu €400 għal kull student li ma jgħaddix minn xi eżami, sabiex dawn jagħmlu r-resit – liema prinċipju l-Gvern ma jistax jaċċetta, hekk kif bħal għadd ta’ proposti oħrajn imressqa, mhumiex sostenibbli.
L-MUT, qed tipproponi wkoll li jkun hemm impjegati li minkejja li xogħolhom hu mal-istudenti, dawn jaħdmu mid-dar jumejn fil-ġimgħa. Dan filwaqt li, dawn l-istess ġranet jiġu akkumulati u utilizzati meta dawn iridu, f’perjodi oħra matul is-sena.
Fil-fatt, in-nuqqas ta’ ftehim, qatt ma kien fuq l-aspett finanzjarju, iżda fuq azzjonijiet li mhumiex sostenibbli, jew se jaffetwaw lill-istudent.
Minkejja li normalment ma jsirux diskussjonijiet waqt li qed isiru azzjonijiet industrijali, il-Gvern baqa’ jinnegozja mal-MUT, sabiex jipprijoritizza l-ħtiġijiet tal-istudenti u l-edukaturi.
Dan il-proċess, ra xejn inqas minn 70 laqgħa, fejn fil-fatt sar progress sinfikanti, u qbil fuq diversi punti.
Intqal, iżda, kif id-direttivi li jolqtu ħażin lill-istudenti, il-familjari tagħhom u anke lill-industrija li ma tistax timpjega dawn l-istudenti, baqgħu ma ġewx irtirati, anke jekk l-Amministrazzjoni b’mod konsistenti baqgħet titlob għal sospensjoni ta’ tali direttivi.
Minkejja dan, il-Gvern jibqa’ miftuħ għal aktar diskussjonijiet u ftehim, la jiġi rtirati d-direttivi attwali, sabiex jiġu trattati l-ħtiġijiet tal-istudenti, jiġu rrispettati l-ħaddiema kollha tal-Gvern, u jitħares il-prinċipju ta’ ġustizzja industrijali.
Għal dan il-press briefing, attenda wkoll il-Prinċipal tal-MCAST, Stephen Vella li stqarr kif huwa impenjat li joffri ambjent edukattiv ta’ kwalità għall-istudenti, filwaqt li jippromwovi l-benesseri tal-ħaddiema tiegħu b’mod sostenibbli u bilanċjat.
Tkellimna mas-Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċju tal-Prim Ministru, Dr Joyce Cassar, li spjegatilna l-għan wara din is-sessjoni ta’ informazzjoni għall-midja.
“Il-prinċipju fundamentali li aħna dejjem nesiġu huwa li meta għaddejjin in-negozjati ma jkunx hemm azzjonijiet industrijali bħal ma nagħmlu ma’ kull unjin oħra. Wara tmien ġimgħat li rajna progress sew ħassejna li din id-darba minkejja t-talbiet inuffiċjali li anki ġieli għamel il-prinċipal tal-MCAST u ġew irrifjutati aħna riedna li din id-darba jifmhu n-naħa l-oħra li jekk ħa jibqgħu bl-attività industrijali li taffettwa l-ħajja tal-istudent, aħna ma stajniex nibqgħu niltaqgħu. Inkomplu niltaqgħu kif dawn jiġu milqugħa.”
Segretarju Permanenti, OPM Joyce Cassar,