Il-Ministru responsabbli mill-kaċċa u l-insib, Clint Camilleri, kiteb lill-kumitat Ornis biex dan jagħti l-parir lill-Gvern biex tiġi applikata deroga ġdida marbuta mar-riċerka fuq is-seba’ speċi t’għasafar tal-għana.
F’ittra li bagħat liċ-chairman tal-kumitat Ornis, il-Ministru Camilleri qal li din it-talba qed issir fuq pariri legali li ngħata l-Gvern.
Spjega li din ir-riċerka għandha twassal biex fost l-oħrajn tiġi stabbilita l-popolazzjoni tal-għasafar tal-għana.
Dan qed isir ukoll biex possibilment fil-futur tkun tista’ tiġi applikata deroga oħra għaż-żamma limitata tal-għasafar tal-għana.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, il-Ministru Camilleri saħaq li din il-proposta hija waħda valida għan-nassaba li jonsbu l-għasafar tal-għana għal skop ta’ riċerka u jitilquhom ftit wara.
Huwa qal: “Hija proposta fejn anki permezz tan-nassaba stess, se nkunu nistgħu nagħmlu riċerka estensiva minn fejn ġejjin l-għasafar tal-għana li jpassu lejn Malta u dawk propju wkoll sabiex ‘il quddiem jista’ jkun illi jkollna nerġgħu l-possibiltà li napplikaw id-deroga għaż-żamma tal-għasafar tal-għana, però sadanittant nemmen li permezz ta’ din ir-riċerka, riċerka li ħa tkun ibbażata fuq catch and release nistgħu wkoll nużaw lin-nassaba tagħna għal dan l-istudju importanti.”
Sentejn ilu, il-Qorti Ewropea tal-ġustizzja kienet iddeċidiet kontra d-deroga applikata dwar l-insib tal-għasafar tal-għana.
Dakinhar, il-Gvern Malti daħal f’negozjati mal-Kummissjoni Ewropea sabiex b’emendi neċċessarji ġie salvat l-insib għall-pluviera u l-malvizz.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li dan sar b’konvinzjoni u ġustifikazzjoni u issa qed isir l-istess permezz ta’ xogħol mal-esperti legali biex tiġi applikata deroga ġdida fir-rigward tal-għasafar tal-għana.