Ir-raħal pittoresk ta’ Wied il-Għajn se jara proġett bżonjuż ta’ riġenerazzjoni, sabiex jerġa’ jibda jattira l-eluf ta’ turisti li qabel kienu jmorru jitpaxxew bil-baħar tal-madwar.
F’konferenza tal-aħbarijiet fix-Xatt ta’ Wied il-Għajn ġie spjegat kif permezz ta’ kompetizzjoni għad-disinn, il-periti u l-inġiniera fost oħrajn, jistgħu jressqu ’l quddiem il-proposti tagħhom għal din ir-riġenerazzjoni.
Is-Sindku ta’ Wied il-Għajn, Mario Calleja spjega ma’ ONE News kif proġett bħal dan mistenni jerġa’ jagħti l-ħajja liż-żona ta’ ħdejn il-baħar, filwaqt li jagħti spinta akbar lir-ristoranti tal-inħawi.
Calleja stqarr: “Ilu ma jintmess xejn hawnhekk kważi 35 sena u issa wasal il-waqt li jsir xi ħaġa. Minn meta ngħalqet il-Jerma, jiġifieri sittax-il sena ilu għandek il-mutur tal-ekonomija fejn jidħlu r-ristoranti u stabbilimenti tal-ikel mar lura. Ma jfissirx li ma mxewx imma imxew biss bil-lokal u l-ġirien li jiġu hawnhekk jieħdu bukkun jew drink.”
Dan il-proġett mistenni jara xogħlijiet fiż-żona tax-xatt, iż-żoni pedonali kif ukoll se jixpruna attivitajiet li se jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tal-madwar.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo saħaq li proġetti bħal dawn ikomplu jagħmlu lil pajjiżna, post turistiku ta’ eċċellenza.
Huwa qal, “Irridu naraw li permezz ta’ dan il-proġett intejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies u wkoll ngħollu l-livell tal-prodott turistiku ta’ pajjiżna sabiex b’hekk wara nuqqas ta’ snin ta’ investiment inkunu nistgħu naraw lil Wied il-Għajn jilħaq il-potenzjal massimu tiegħu.”
Fid-diskors tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg qal li wieħed jista’ jissottometti l-proposta tiegħu sad-disgħa ta’ Settembru li ġej għand l-Awtorità.