Il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi lbieraħ qal fil-Parlament li l-Gvern qed jevalwa talba biex il-pedestrian footbridge fuq il-bypass tal-Imrieħel jissemma għal Emma Housley u Graziella Fenech, żewġ tfajliet ta’ 17 u 13-il sena li kienu tilfu ħajjithom f’inċident fatali f’Awwissu tas-sena 2005.
It-tnejn kienu qed jaqsmu l-bypass biex imorru jżuru ħabiba li kienet marida. Emma Housley mietet mad-daqqa waqt li Graziella Fenech mietet l-isptar jumejn wara.
Il-Ministru Mizzi qal li l-pedestrian footbridge qiegħed jiġi mmanifatturat ġewwa l-impjant tal-kuntrattur. Bdew ukoll ix-xogħlijiet infrastrutturali fuq is-sit identifikat tul il-Bypass tal-Imrieħel.
Ix-xogħol fuq dan il-proġett mistenni jitlesta sal-aħħar tat-tieni kwart ta’ din is-sena. Il-ministru qal li l-pont se jiswa miljun ewro, imħallas kollu kemm hu mill-privat
L-amministrazzjoni l-oħra ma kinitx qieset il-proġett vijabbli għax qalet li kienu biss 42 persuna li kienu jaqsmu l-bypass kuljum.