Il-Koperattiva Maltija tal-Mogħoż u n-Nagħaġ, il-KMNK u l-għaqda mhux governattiva Breeds of Origin Conservancy ressqu talba lill-awtoritajiet kompetenti biex il-mogħża indiġena Maltija tiġi kklassifikata bħala popolazzjoni tradizzjonali.
Skont iż-żewġ għaqdiet, l-ammont attwali tal-mogħża f’pajjiżna jinsab f’qagħda kritika, b’madwar 1,000 minn din ir-razza li huma rreġistrati.
ONE NEWS żar wieħed mill-irzizet f’pajjiżna li jispeċjalizza fit-trobbija tal-mogħoż, fejn hemmek iltqajna ma’ Darryl Grech, fundatur ta’ Breeds of Origin Conservancy u President tal-Koperattiva, fejn qal li dan jista’ jsir anke skont linji gwida mfasslin mit-Taqsima tal-Agrikoltura u l-Ikel tal-Ġnus Magħquda, il-FAO, dwar il-ħarsien indiġeni.
Grech stqarr li l-mogħża indiġena f’pajjiżna hi waħda mis-sorsi għall-għajxien ta’ ġensna, mhux biss fl-imgħoddi, imma anke sal-lum il-ġurnata.
“Tajjeb li ngħidu li ma jistax ikollna l-mogħża indiġena Maltija jekk ma jkollniex ir-raħħala. L-ewwel u qabel kollox għandna nirrikonoxxu r-raħħala, wara kollox jinvolvi sagrifiċċju kbir biex dawn in-nies qegħdin hemm barra f’dan ix-xogħol; u t-tieni, fl-aħħar mill-aħħar, il-mogħża ttina l-ħalib u jrid ikollna, fl-aħħar mill-aħħar ukoll, użu għal dan il-ħalib, iġifieri tajjeb li l-ħidma tagħna ma tiqafx biss fl-annimal innifsu imma nissalvagwardja l-annimali imma anke s-settur”
Għaldaqstant huwa stqarr li l-mogħża Maltija għandha tiġi ddikjarata bħala International Transboundary Breed, ladarba llum din ir-razza tinsab mhux biss fil-gżejjer Maltin, imma anke wkoll f’pajjiżi ġirien tagħna.
“Bażikament il-mogħża Maltija ssibha f’diversi pajjiżi għax hija meqjusa bħala International Transboundary Breed iġifieri ssibha f’reġjuni u f’pajjiżi bħall-Italja, l-Greċja, it-Turkija, u fil-pajjiżi ġirien tagħna, ovvjament fin-naħa tal-Mediterran, bħan-North Africa, però, il-mogħża li hija dik Maltija bħala popolazzjoni indiġena, hija mżewqa b’bosta ilwien, b’bosta għamliet tal-widnejn iġifieri dik is-sabiħ ta’ din ir-razza li fiha dik id-diversità, il-varjetà, li mhux ta’ min jitlifha”
Skont l-istqarrija, jirriżulta li l-ewwel darba li l-mogħża Maltija ġiet ippreżentata barra minn xtutna kien fl-1971, fir-raħal ta’ Martina Franca, fin-Nofsinhar tal-Italja, hekk kif ammont kbir ta’ mogħoż Maltin ġew ippreżentati lill-pubbliku fis-suq t’hemmhekk.
Ingħad li jeżistu wkoll bosta referenzi, deskrizzjonijiet u miklem f’ilsienna, sa mill-bidu tas-Seklu Dsatax li jirreferu għall-karatteristiċi varji tal-mogħża Maltija.
Ir-razza indiġena hi wkoll famuża għall-fatt li minnha nstabet il-marda tad-Deni Rqiq mit-Tabib u Arkeologu Malti, Sir Temi Zammit, hekk kif dak iż-żmien il-ħalib tal-mogħża ma kienx jiġi pastorizzat qabel jinbiegħ lill-konsumaturi.