L-eks Prim Ministru Joseph Muscat ressaq talba oħra quddiem il-Qorti wara li ħarġu fatti ġodda u dan f’każ li fih qed jargumenta li nkisrulu d-drittijiet fundamentali tiegħu fl-inkjesta Maġisterjali b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet. Il-Qorti ma laqgħetx din it-talba f’kawża li Dr Muscat għamel wara talbiet biex il-Maġistrat Gabriella Vella tirrikuża ruħha minħabba leaks mill-istess inkjesta, li issa ilha għaddejja għal erba’ snin, u wara wkoll li qraba tal-istess Maġistrat għaddew kummenti pubbliċi kontra l-eks Prim Ministru.
Dr Muscat innota kif huwa kellu jżid talba wara fatti oħra li ħarġu fil-beraħ u t-talba addizzjonali ma kinitx se tbiddel is-sustanza tal-kawża tant li anki fid-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef Doreen Clarke, irrikonoxxiet dan. L-eks Prim Ministru saħaq li d-deċiżjoni li ttieħdet tkompli tikser id-drittijiet tiegħu u se jkompli jiddefendi d-drittijiet tiegħu b’kull mezz possibbli għaliex ma jaqbilx li hu għandu jiġi trattat differenti minn ħaddieħor.