Madwar 80 parteċipant ħadu l-okkażjoni mit-temp bnazzi li għamel fl-għodwa tal-Ħadd filgħodu u rħewlha lejn l-Istazzjon tan-nar tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Ħal Far, biex jieħdu sehem fl-edizzjoni tal-Bike Ride ta’ din is-sena b’risq il-Fondazzjoni Malta Comunity Chest Fund.
Muturi mis-Sezzjoni tat-Traffiku tal-Korp tal-Pulizija, uffiċjali mill-Lesa u diversi individwi ħonqu l-inħawi u bejn kelma u oħra flimkien ma’ xi te jew kafe ħejjew ruħhom sew għall-għonq it-triq.
Jiddominaw kienu għadd ta’ Rykers li huma ġodda fjamanti fis-suq lokali Malti u dan l-iSpyder li huwa ta’ wieħed mill-organizzaturi ta’ din l-attivita’ Caro Chris Buttigieg.
Tkellimna ma’ Lorraine Templeman li tmexxi il-Can-Am Ryker and Spyder Malta Riders u s-sehmhom f’din il-Bike Ride.
Qalet, “Qegħdin grupp żgħir pero grupp maqgħud , għalkemm qegħdin grupp żgħir dejjem inħossu l-bżonn biex nagħtu sehmna f’okkażjoni bħal din fejn qed niġbru għall-Comunity Chest Fund, ġejna is-sena l-oħra, ġejna dis-sena u nittamaw li nkomplu nikbru bħala grupp u nkomplu niġu anki fi snin wara.”
Din hija t-tielet edizzjoni tal-Bike Ride mtella’ fuq l-inizjattiva tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Jonathan Callus Station Officer fl-stazzjon tan-nar tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Ħal Far tana aktar dettalji dwar din l-inizjattiva.
Qal, “Sena wara sena, il-Protezzjoni Ċivili norganizzaw il-Bike ride, CPD għall-Istrina, il-Fondi jmorru għall-Malta Comunity Chest Fund. Sena wara sena, jkollna turn out tajjeb ħafna, bħal m’għandna llum. Ir-rotta, nitilqu minn Ħal Far, niħu eskortati mill-Pulizija u jgħinuni l-uffiċjali tal-Lesa. Jieħdu ħsiebna sewwa,Minn Ħal Far, ngħaddu għaż-Żurrieq, Għar Lapsi, id-Dar tal-Providenza, Dingli Cliffs, Imtarfa, il-Bypass tal-iMġarr, nitilgħu il-Manikata, u nispiċċaw l-Istation tal-Protezzjoni Ċivili x-Xemxija.”